‘Filippo Castagna u Birżebbuġa’
|
‘Filippo Castagna u Birżebbuġa’ |
|
|
|
|
|
caption |
|
|
Filippu Castagna twieled fil-parroċċa ta’ Ħal-Għaxaq nhar id-19 ta’ Novembru, 1765, meta l-Qajjenza, li llum tagħmel parti mill-parroċċa ta’ Birżebbuġa, kienet għadha parti mill-parroċċa ta’ Ħal-Għaxaq. Għex fi żmien mill-aktar imqalleb fl-istorja ta’ Malta perijodu li spiss insibuh bħala “It-Tlett Saltniet” żmien il-Kavalieri ta’ San Ġwann, il-Franċiżi u l-Ingliżi. Tistagħġeb kif mhux biss il-Maltin, iżda wkoll il-barranin, għarfu l-kapaċitajiet u l-għerf tiegħu, u fdawlu fidejh karigi ta’ responsabbilità kbira
MEMBRU TAL-MUNIĊIPALITÀ Ftit ġimgħat wara li keċċew minn Malta lill-Kavalieri ta’ San Ġwann f’Ġunju, 1798, il-Franċiżi waqqfu f’Malta 12-il muniċipalità biex jamministraw il-Gżejjer Maltin. Lil Castagna għażluh bħala membru tal-muniċipalità taż-Żurrieq, Ħal-Safi, Ħal-Kirkop u l-Gudja. Kien żmien meta l-ftit abitanti li kienu jgħixu f’Birżebbuġa ta’ llum kienu jagħmlu mal-parroċċi taż-Żurrieq u Ħal-Għaxaq. Dan bl-ebda mod m’għandu jitfa xi dell ikraħ fuqu, għaliex bosta kienu l-Maltin prominenti li, għaliex imdejqin bl-imġieba mqita tal-Kavallieri, għall-ewwel ikkoperaw mal-Franċiżi u ttamaw fi żmienijiet aħjar.
KAP KMANDANT TA’ BATTALJUN Iżda malli l-Franċiżi bdew jikkalpestaw lill-kleru u jisirqu t-teżori tal-knejjes, Filippu Castagna malajr dar bl-ikraħ kontrihom. Ir-rewwixta kontra l-Franċiżi bdiet fl-Imdina u r-Rabat nhar it-3 ta’ Settembru, 1798, u malajr xterdet ma’ Malta kollha. Fost il-mexxejja Maltin fin-nofs in-nhar ta’ Malta nsibu lil Filippu Castagna u Mikiel Cachia, li mill-ewwel narawhom jiġġieldu flimkien spalla ma’ spalla kontra l-Franċiżi. Żgur li waħda mill-aktar battalji importanti li ħa sehem fiha Castagna kienet ir-rebħa ta’ Torri San Tumas f’Wied il-Għajn. Din kienet rebħa sinjifikattiva ħafna għal Castagna, għaliex issa setgħet tidħol bil-libertà kollha għajnuna lill-Maltin fin-nofs in-nhar ta’ Malta. Ftit ġimgħat wara Castagna nħatar membru tal-Kungress Nazzjonali taħt il-Presidenza ta’ Alexander Ball, bl-inkarigu issa li jmexxi l-gwerra u jipprovdi l-ikel għall-Maltin. Ball kompla wera l-fiduċja li kellu f’Castagna meta għażlu spettur tal-fortifikazzjonijiet.
CASTAGNA U L-INGLIŻI Meta waslu l-bastimenti Ingliżi li ġiebu magħhom 1,300 suldat, Graham, il-Brigadier Ġenerali Ingliż, mill-ewwel għamel kuntatt ma’ Castagna li tah l-informazzjoni kollha li hu kien jeħtieġ dwar il-forzi Maltin u Franċiżi. Castagna kien ħa wkoll xi Maltin miegħu ġewwa Għawdex biex jgħinu lill-Għawdxin li wkoll kienu qamu f’rewwixta kontra l-Franċiżi. Wara li dawn ta’ l-aħħar ġew imkeċċija għal kollox minn Malta fl-1800, Castagna baqa’ jgawdi l-popolarità li kellu qabel. Fil-fatt, meta Alexander Ball ħaseb biex jagħżel numru ta’ rġiel bħala Logutenenti tad-diversi bliet u rħula (illum insejħulhom Sindki), Castagna kważi mill-ewwel ġie nominat Logutenent ta’ l-ibliet ta’ Bormla. il-Birgu u l-Isla. Iżda l-Ingliżi mhux mill-ewwel għarfu l-valur strateġiku tal-Gżejjer Maltin f’nofs il-Baħar Mediterran, u kienu se jċedu dawn il-gżejjer mill-ġdid lill-Kavallieri. Xi Maltin, fosthom Castagna, ħaduha bi kbira, u bagħtu malajr delegazzjoni fl-Ingilterra biex tipprotesta, u f’każ ta’ bżonn titlob indipendenza sħiħa għal Malta. Wieħed mill-membri ta’ din id-delegazzjoni kien Filippu Castagna. Wara l-mewt ta’ Emanweli Vitale fis-sena 1802, l-Ingliżi ħatruh bħala t-tieni Gvernatur t’Għawdex fejn dam iservi għal tnax-il sena sħaħ.
CASTAGNA FIL-BAJJA TA’ SAN ĠORĠ Fis-sena 1814 meta allura kellu 50 sena, Filippu Castagna rtira mis-servizz u ġie joqgħod fid-dar sabiħa għall-arja bnina tal-baħar fil-Bajja ta’ San Ġorġ, hawn f’Birżebbuġa. Id-dar hi l-istess waħda li llum hi r-residenza ta’ Dr. Alexander Cachia Żammit li hu mill-istess familja ta’ Castagna. Kemm hu hekk, in-nanna paternali ta’ Dr. Cachia Zammit kienet Marija Tereża Castagna li żżewġet lil Alexander Cachia Zammit fl-1887. Ma’ l-istess dar hemm il-kappella ħelwa “Auxilium Christianorum”, li nbiet fl-1830. Fi żmien Castagna din id-dar ta’ villeġġjatura kienet fil-limiti ta’ Hal-Għaxaq u kien biss fl-1913, meta allura nħolqot il-parroċċa ġdida ta’ San Pietru f’Birżebbuġa, li hi bdiet tagħmel parti mill-parroċċa l-ġdida. Filippu Castagna miet fl-eta’ ta’ 66 sena, nhar is-26 ta’ Jannar, 1830, u naturalment ġie midfun fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal-Għaxaq. Hu unur kbir għal dan ir-raħal marittimu ta’ Birżebbuġa li wieħed mill-akbar eroj tal-Maltin fil-ġlieda għall-ħelsien kontra l-Franċiżi għal snin twal kien jgħix hawnhekk. Filippu Castagna kien bniedem li jixraqlu nkunu nafu aktar dwaru biex hekk il-memorja ta’ nies bħal dawn, li tant tħabtu u sofrew għal ħuthom il-Maltin, ma ttirx għal kollox mar-riħ. |
|
|










